Stqarrija 07-2024

07/03/2024

Il-Partit Popolari Jikkundanna l-Ipokresija tal-Partiti Maltin fir-Rigward tal-Bdiewa

Il-Partit Popolari jesprimi l-kundanna tiegħu għall-appoġġ unanimu li ngħata miż-żewġ partiti Maltin irrappreżentati fil-Parlament Ewropew għall-hekk-imsejħa “Nature Restoration Law”, li se tpoġġi restrizzjonijiet kbar fuq il-biedja fl-Ewropa, inkluż f’pajjiżna, fi żmien meta dan is-settur qiegħed taħt pressjoni estrema. Dan minkejja l-fatt li ż-żewġ partiti kienu qalu li semgħu l-għajta tal-bdiewa Maltin meta dawn ħarġu jipprotestaw darbtejn matul il-ġimgħat li għaddew. Ninnutaw b’dispjaċir il-fatt li l-MEP tal-Partit Nazzjonalista saħansitra vvota għal din il-liġi minkejja li l-partit Ewropew li jifforma parti minnu kien qiegħed jopponiha.

In-“Nature Restoration Law” hija liġi li se tnaqqas id-disponibbiltà tal-art agrikola billi timponi b’obbligu fuq l-istati membri estensjoni massiva ta’ żoni protetti, filwaqt li timponi bosta restrizzjonijiet oħra fuq l-attività agrikola. Dan se jkun devastanti b’mod partikolari fil-kuntest Malti fejn l-art diġà hija skarsa, bir-riżultat li se jiġu pperikolati l-għajxien tal-bdiewa Maltin u s-sigurtà alimentari ta’ pajjiżna.

Il-Partit Popolari jopponi l-approċċ unilaterali tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ambjent, li mhuwa qed jikseb l-ebda riżultati, minħabba li l-aktar pajjiżi fid-dinja li qegħdin jaffettwaw ħażin l-ambjent mhumiex qegħdin jieħdu miżuri simili, u qegħdin saħansitra jieħdu vantaġġ kompetittiv mill-fatt li l-UE qiegħda timponi dawn ir-regolamenti stretti fuq il-membri tagħha.

Filwaqt li jfakkar li l-Gvern s’issa vvota favur il-miżuri kollha li jiffurmaw parti mill-European Green Deal, inklużi dawk bħad-direttiva dwar l-emissjonijiet li affettwat ħażin is-settur marittimu Malti u l-ekonomija b’mod ġenerali, il-Partit Popolari jsejjaħ biex il-Gvern jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu ta’ appoġġ għal din il-liġi u jivvota kontriha fil-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea, billi dan huwa l-aħħar ċans biex tiġi evitata din il-ħsara għall-bdiewa Maltin u għall-konsumatur Malti.

Follow by Email
Facebook
Twitter