02/03/2024
Il-Partit Popolari Jgħid li hija Politika Marida li Wasslet għat-Traġedja ta’ Jean Paul Sofia
Il-Partit Popolari jesprimi t-tħassib tiegħu għall-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika fil-każ tal-mewt ta’ Jean Paul Sofia li kixfu l-istat tar-regolamentazzjoni u l-infurzar f’diversi oqsma f’pajjiżna.
Il-Partit Popolari jinnota li kważi kull entità pubblika li kellha x’taqsam mal-każ tal-binja li fiha seħħet it-traġedja naqset milli twettaq id-dmirijiet tagħha, inklużi l-politiċi nfushom li kellhom ir-responsabbiltà aħħarija għad-dekasteri tagħhom u wkoll li jaraw li jkun hemm qafas legali adegwat.
Il-Partit Popolari jinnota li n-nuqqasijiet kbar li nsabu mill-inkjesta, kemm fl-għoti tal-art għall-proġett, kif ukoll fis-sorveljanza tal-proċess tal-bini, kien ikun diffiċli li jseħħu f’sitwazzjoni ta’ partiti politiċi normali fil-bqija tad-dinja żviluppata li ma jiddependux fuq l-għotjiet u s-self minn negozjanti li mbagħad jirċievu trattament speċjali. Flimkien ma’ dan, il-kultura tal-klijenteliżmu mrawma miż-żewġ partiti tikkontribwixxi għat-tnawwir tal-legalità u tal-infurzar. In-nies li l-partiti tradizzjonali qegħdin jiġbdu lejn il-politika u lejn is-servizz pubbliku f’karigi appuntati politikament huma ħafna drabi nies li trawmu f’din il-kultura korrotta li hi l-bażi tas-sistema politika kurrenti tagħna.
Il-Partit Popolari jfakkar li din it-traġedja ma kenitx l-ewwel waħda li seħħet u li dawn il-binjiet li qegħdin jinbnew bl-għaġġla u bi ftit li xejn superviżjoni issa se jkunu ta’ periklu għal min jgħix fihom matul is-snin li ġejjin. Il-Partit Popolari jsejjaħ biex jitnaqqas il-pass tal-iżvilupp, mhux biss għax pajjiżna diġà ġie żviluppat iżżejjed, iżda wkoll għaliex qegħdin jiġu pperikolati l-ħajjiet.
Il-Partit Popolari jsejjaħ ukoll għal riformi fundamentali għas-sistema politika f’pajjiżna biex ikollna politiċi li ma jirrappreżentawx aktar lil interessi speċjali iżda liċ-ċittadin. Fost dawn qiegħed isejjaħ għal liġi elettorali proporzjonali kif ukoll għal limiti fuq l-infiq tal-partiti, biex dawn ma jibqgħux aktar dipendenti fuq negozjanti bla skrupli.