Stqarrija 15-2023

07/09/2023

Il-Partit Popolari Jipproponi Politika Lokali li Tpoġġi n-Nies Qabel il-Proġetti

Il-Partit Popolari, irrappreżentat mill-President tiegħu Karmenu Borg, u l-Moviment Solidarjetà, irrappreżentat mic-Chairperson tiegħu Edwin Vassallo esprimew it-tħassib tagħhom għat-tbatija taċ-ċittadini fil-Mosta kkawżata għal xhur twal minħabba d-dewmien u l-ippjanar ħażin tal-proġett tal-pjazza.

Jidher ċar li fit-twettiq ta’ dan il-proġett ma ngħatax kas tal-ħtiġijiet tan-nies li jgħixu fil-Mosta, u dan in-nuqqas beda mill-fażi tal-ippjanar u qed ikompli issa waqt li qed isir il-proġett. Il-pjazza u toroq ewlenin madwarha ilhom maqlugħin għal perjodu ta’ xhur, filwaqt li toroq oħra residenzjali ilhom xhur b’livell ta’ traffiku li ma jifilħuhx. Negozji fil-pjazza tal-Mosta sabu ruħhom imċaħħda mill-għajxien tagħhom filwaqt li korrew għexieren ta’ persuni minħabba nuqqas ta’ miżuri ta’ sikurezza, u f’xi każijiet kellhom jingħataw kura l-isptar. Bosta oħrajn, speċjalment anzjani, qegħdin ibatu minn iżolament, minħabba li ma jistgħux jaċċessaw il-pjazza jew f’xi każijiet saħansitra jħallu d-djar tagħhom mingħajr riskju ta’ korriment.

Dan il-proġett huma involuti fih il-Gvern ċentrali, il-Kunsill Lokali, Transport Malta u Infrastructure Malta, u ħadd minnhom ma ħa ħsieb jara li d-dannu għar-residenti u għan-negozji jitnaqqsu għall-minimu possibbli. Mhux talli hekk, talli b’riżultat ta’ inkompetenza, dan il-proġett qiegħed idum ferm aktar minn dak li kien ippjanat.

Il-Partit Popolari jipproponi li fi proġetti importanti bħal dan isiru obbligatorji konsultazzjonijiet xierqa mar-residenti u mas-sidien tan-negozji, fejn jiġu ppreżentati mhux biss il-vantaġġi iżda wkoll l-inkonvenjenti u r-riskji tal-proġett sakemm jitlesta u wara. Nipproponu li l-proġetti ma jsirux sakemm ikun ġie indirizzat it-tħassib li jista’ jkollhom iċ-ċittadini. Nipproponu wkoll li ssir sorveljanza ferm aktar stretta fuq is-sikurezza taċ-ċittadini, u li jkun aċċessibbli għalihom numru tat-telefon fejn ikunu jistgħu jikkuntattjaw lill-uffiċjal tal-health and safety tal-proġett f’każ ta’ tħassib.

Follow by Email
Facebook
Twitter