Stqarrija 15-2022

19/09/2022

Il-Partit Popolari Jesprimi Solidarjetà mar-Residenti ta’ Santa Luċija

Il-Partit Popolari jikkundanna l-approċċ prepotenti u li ma jagħtix kas tar-rieda tar-residenti lokali fil-każ tal-iżvilupp ta’ blokk massiv b’għoli ta’ ħames sulari u b’densità qawwija f’żona ta’ Santa Luċija fejn m’hemm l-ebda bini tal-istess għoli, u li se jkollu impatt kbir fuq l-integrità estetika u fuq il-karattru ta’ dan ir-raħal.

Il-Partit Popolari jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-residenti tal-lokalità esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għal dan l-iżvilupp kemm direttament kif ukoll permezz tar-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill Lokali, iżda li dawn madankollu ġew injorati. Il-Partit għalhekk jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mar-residenti u mal-Kunsill ta’ din il-lokalità, kif ukoll ma’ ħafna oħrajn li jinsabu fl-istess sitwazzjoni.

Il-Partit Popolari jesprimi n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-politika tal-ippjanar li ma tagħmilx biżżejjed distinzjoni bejn bliet u rħula, u tittratta lil dawn tal-aħħar daqs li kieku kienu sobborgi taż-żona urbana Maltija ta’ madwar il-port, u mhux irħula bil-karattru tagħhom li jistħoqqlu li jiġi mħares.

Il-Partit Popolari jipproponi wkoll li tiġi indirizzata minnufih ir-rabta mill-qrib bejn is-settur tal-kostruzzjoni u l-partiti politiċi tradizzjonali, li jirċievu parti kbira mill-finanzjament tagħhom mingħandhom. Nemmnu li l-kompetizzjoni politika għandha tkun waħda dwar min għandu l-aħjar ideat u mhux dwar min għandu l-aktar mezzi tax-xandir jew min għandu l-ikbar kwartieri ġenerali u l-aktar billboards waqt kampanji elettorali. Il-miljuni ta’ ewro li l-partiti tradizzjonali għandhom bżonn kull sena biex jibqgħu jeżistu huma minnhom infushom sors ta’ korruzzjoni tal-politika Maltija. Dan qed jirriżulta mhux biss f’għoti ta’ permessi bl-addoċċ iżda wkoll f’politika li tiffavorixxi l-importazzjoni kontinwa ta’ eluf ta’ ħaddiema minn barra biex il-pagi jinżammu baxxi. Dan ukoll jiffavorixxi lil min qiegħed jiffinanzja l-partiti, filwaqt li jkompli jżid id-domanda għal dejjem aktar bini.

Il-Partit Popolari jipproponi, kif kien għamel diġà fil-programm elettorali tiegħu qabel l-elezzjoni tal-2022, li l-Kunsilli Lokali jkollhom id-dritt tal-veto fuq kull żvilupp fil-lokalità tagħhom. Inġeddu wkoll il-proposta tagħna li l-Kunsilli Lokali jingħataw ferm aktar poteri wkoll f’oqsma oħra, biex kemm jista’ jkun iċ-ċittadini jingħataw vuċi ferm akbar fit-tmexxija tal-lokalitajiet tagħhom. Qegħdin nipproponu wkoll li dawn is-setgħat tal-Kunsilli jitnaqqxu wkoll fil-Kostituzzjoni, biex ebda gvern ma jkun jista’ jmisshom.

Jekk il-poplu jrid verament isir is-sid f’pajjiżna, u ma jibqax aktar tallab impotenti quddiem deċiżjonijiet oxxeni li jmorru kontra r-rieda u l-aħjar interessi tiegħu, allura nistednuh jingħaqad magħna biex noħolqu sistema politika denja fejn l-inizjattivi jiġu mill-poplu għall-poplu.

Follow by Email
Facebook
Twitter