Stqarrija 09-2023

17/06/2023

Il-Partit Popolari jappoġġa lill-Kunsill Lokali tar-Rabat fl-oppożizzjoni tiegħu għall-applikazzjoni għal żvilupp fil-Wied t’Għeriexem

Il-Partit Popolari jesprimi l-appoġġ tiegħu għas-sejħa tal-Kunsill Lokali tar-Rabat kontra proposti ta’ żvilupp ġdid fil-Wied t’Għeriexem. Il-Partit Popolari jemmen li l-ftit ambjent naturali li għad fadallu pajjiżna għandu jkun protett b’mod assolut mill-iżvilupp. Huwa jiġbed l-attenzjoni għall-periklu li n-natura ta’ sit tista’ tinbidel bi tnaqqir gradwali, u għalhekk l-uniku difiża hija li dan il-proċess jitwaqqaf mill-bidu tiegħu.

Il-Partit Popolari jemmen mhux biss li l-Kunsilli lokali għandu jkollhom leħen akbar f’deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-iżvilupp, iżda li għandhom jingħataw l-aħħar kelma, bid-dritt li jwaqqfu kull żvilupp għajr proġetti ta’ infrastruttura nazzjonali li jkunu assolutament essenzjali. Dan flimkien ma setgħat oħra li jippermettu lir-residenti ta’ lokalità jieħdu d-deċiżjonijiet huma stess dwar oqsma li jikkonċernaw direttament il-ħajja ta’ kuljum tagħhom u tal-familji tagħhom, fosthom il-policing u l-edukazzjoni.

Fl-istess waqt, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari ta’ pajjiżna, il-Partit Popolari jemmen li l-art fl-ODZ tingħata protezzjoni kostituzzjonali – jiġifieri biex isir żvilupp li m’għandux skop ta’ natura rurali jew agrikola ikun jinħtieġ vot ta’ 2/3 fil-parlament jew referendum.

Il-Partit Popolari jirrimarka li l-politika Maltija fil-preżent mhix qiegħda tittraduċi f’fatti x-xewqa ċara tal-Maltin li l-iżvilupp eċċessiv jitrażżan. Dan flimkien ma bosta oqsma oħra fejn ir-rieda tal-poplu qiegħda wkoll tiġi injorata. Huwa biss permezz tar-riformi demokratiċi u ta’ deċentralizzazzjoni li jinsisti fuqhom il-Partit Popolari li dan id-defiċit demokratiku jista’ fl-aħħar jiġi indirizzat, biex pajjiżna jkun jixbah aktar lil dak li jixtiequ jaraw iċ-ċittadini tagħna, mhux l-anqas f’dak li jirrigwarda l-kriżi tal-ambjent naturali Malti.

Follow by Email
Facebook
Twitter